Ir-Ray Elliott Cup kienet indikazzjoni tal-logħob li segwa hekk kif kemm fil-kampjonat Cisk Lager kif ukoll fil-kompetizzjoni tal-MeDirect Cup, l-erba’ timijiet – Falcons, Kavallieri, Overseas u Stompers – kienu ferm viċin b’xalata ta’ tries f’kull partita fejn kull tim joffri sfida għar-rebħ tal-unuri.  Interessanti li l-Malta Rugby Football Union introduċiet sistema ta’ Bonus Points fejn apparti l-punti għal kull rebħa jew draw, jingħataw ukoll punt fil-klassifika lit-tim li jitlef b’inqas minn 7 punti u lit-tim li jagħmel iktar minn 4 tries fil-logħba.  Dan deher li qed jagħmel il-logħob iktar interessanti sa tmiem it-tieni taqsima.

Il-kompetizzjoni għall-MeDirect Cup bdiet fit-8 ta’ Diċembru bit-tim ta’ Kavallieri jaħsad lit-tim ta’ Overseas b’rebħa ta’ 25 bi 17.  Overseas li minn naħa tagħhom rebħu lill-istess Kavallieri 3 ġimgħat qabel sofrew mid-dixxiplina hekk kif taw numru ta’ penalites li minn naħa tagħhom Kavallieri ikapitalizzaw.  Iżda l-ferħ ta’ Kavallieri ma tantx dam hekk kif ġimgħa wara ltaqgħu ma’ Stompers li kienu f’vena tajba u f’temp xitwi ħarġu rebbieħa.  Wara l-waqfa tal-Milied Stompers komplew fejn ħallew b’rebħa kombattuta kontra Falcons fejn kellhom jitħabtu sal-aħħar batuti għal-skor ta’ 43 b’41.  Falcons minn naħa tagħhom reġgħu kienu fl-azzjoni ġimgħa wara fejn taw wirja tajba hekk kif irnexxielhom iġibu fix-xejn lil avversarji Overseas bi skor ta’ 48 għal 7.  Din kienet l-ewwel rebħa għal Falcons fuq Overseas minn kemm ilhom jilagħbu fl-ogħla diviżjoni.  B’hekk wara li kull tim lagħab żewġ logħbiet, Stompers jinsabu fuq b’10 punti, Falcons warajhom b’7 punti, warajhom Kavallieri b’5 punti bit-tim ta’ Overseas għad irid jiġbor l-ewwel punt.

Fis-settur tan-nisa kompliet id-dominanza minn naħa tat-tim ta’ Falcons, fejn wara r-rebħ tal-kampjonat fives u t-turnew tal-Milied, huma komplew jiddominaw fil-kampjonat sevens hekk kif wara 6 logħbiet għadhom bla telfa.  Jidher li din is-sena l-ikbar sfida se tiġi mit-tim ta’ Kavallieri li se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex iċaħħdu lil Falcons milli jirbħu s-seba’ kampjonat konsekuttiv.   Wara 4 loħbiet kull tim, Falcons jinsabu fl-ewwel post hekk kif għamlu total ta’ 122 punt u sofrew try waħda, warajhom isegwu Overseas b’35 punt favur u 80 kontra, b’Kavallieri fit-tielet post hekk kif għamlu 20 punt u sofrew 92 punt.

Intant l-azzjoni tkompli kull nhar ta’ Sibt fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa.  Għall-iktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Facebook tal-Malta Rugby Football Union.

Author: Robert Portelli